Min jissogra jsir MMM ?

Għamilna din il-mistoqsija lil Sister Bernadette Unamah (fuq il-lemin) u lil Sister Dervilla O'Donnell (isfel), meta dawn kienu responsabbli għaż-żewġ Novizzjati tagħna Multikulturali, fejn tfajliet li jingħaqdu mal-MMM illum ikunu iggwidati fl-għażla tagħhom ta' MMM bħala stil ta' ħajja.

Sister Bernadette Unamah ma tagħmilx kompromessi dwar x'teħtieġ biex tkun MMM: "Trid tkun kapaċi tissogra li tkun tassew persuna umana u dixxiplinata, f'soċjetà tant materjalista. Għal mara Niġerjana, li tkun bla flus, bla tfal u bla dar tiegħek ma inti xejn. Il-ħila li tissagrifika u tiddixxiplina lilek innifsek għal ħajja ta' voti ta' din ix-xorta, hija biss għal min jissogra li jkun hekk."

Dik li tissogra tkun MMM hija persuna li lesta tmiss il-verità dwar xinhu li jagħmlek mara, vulnerabbli, fqira u fl-istess waqt għanja f'tant aspetti. Xi ħadd lest li jieħu r-riskji, li jafda fil-grazzja ta' Alla u fil-ħiliet personali tiegħu. "Hija xi ħadd li tiftaħ lilha nfisha biex tħobb u tkun maħbuba, li għandha qalb li tħoss għal ġensha u li hija ħaġa waħda mal-fqar u l-emarġinati.

"Li tkun MMM ifisser li tkun xi ħadd lest li jitgħallem, anke mill-ġdid, li tkun aġġornata u intonat mas-sinjali taż-żminijiet, biex tkun il-profeta ta' għada. Trid tkun kapaċi li tieqaf waħdek, li tkun indipendenti bla ma tkun stramba." 

Sister Dervilla żżid tgħid dan: "Jiena nfittex nisa li qed jgħixu l-valuri tal-ġenerożità  u lesti li joffru ħinhom, nisa b'qalb għall-oħrajn li ħajjithom mibnija fuq Alla - nisa li jħossu s-sejħa għall-ħajja missjunarja b'ġibda qawwija lejn il-missjoni ta' fejqan ta' Kristu. Iridu jkunu nies lesti  għal kull sogru u b'rispett profond lejn il-popli kollha."

KIF TFISSER IL-ĦAJJA BIL-VOTI BĦALA MMM?

Għal Bernadette, il-ħajja bil-voti hija sfida liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw fihom spirtu li jieħdu responsabbiltà tagħhom infushom u tal-oħrajn. Sfida biex jitgħallmu fis0skiet ikunu preżenti għall-oħrajn, f'dinja mimlija ħsejjes, li ma tafx tistrieħ u mimlija egoiżmu. F'soċjetà mimlija gwerer, rabja u faqar, l-MMM bħala stil ta' ħajja toffri mħabba u rikonċiljazzjoni, u ġġib tama lil dawk ta' bla tama. F'dinja li hija materjalista u li ma trid iċċedi xejn minn idejha, iż-żgħażagħ jippreferu impenji li jkunu biss temporanji. Il-voti fil-ħajja reliġjuża huma sfida għall-fedeltà, għall-impenn, għall-istabilità, għas-sagrifiċċju u s-sesswalità. Huma sejħa biex nikkoperaw ma' Alla, li nagħtu l-ħila lin-nies li jużaw id-don li joħolqu ambjent aħjar għal ħajja aħjar.

Dervilla tgħid: "Jien naqbel ma'  Bernadette. Qegħdin f'dinja fejn kollox jinbidel malajr, li dejjem irridu l-affariej hawn u issa, għax ġegħluna nemmnu li dan jagħmilna kuntenti; f'dinja fejn ir-relazzjonijiet umani qed jingħataw inqas importanza, u nimpenjaw ruħna biss għal żmien qasir. Fl-istess ħin, il-bniedem qed ifittex tifsira għal ħajtu. Il-vot ta' ħajja ikkonsagrata fiċ-ċelibat, il-vot li tħobb, hu l-iktar wieħed li ħafna ma jistgħux jifhmu. Kif nistgħu ngħixuh bla ma jkollna d-dar tagħna, bit-tfal u l-familja tagħna? F'soċjetajiet fejn il-poter politiku u l-awtorità ġew korrotti, il-vot ta' ubbidjenza bħala għodda ta' kollaborazzjoni, huwa sfida kbira oħra. Imbagħad il-foqra fil-missjonijiet fejn naħdmu, jgħallmuna mill-faqar tagħhom il-valur veru ta' min jaqsam mal-oħrajn, tal-ħajja sempliċi, ta' kif tieħu ħsieb sew dak li hu tiegħek, u kemm huma r-relazzjonijiet ta' bejnietna li jsostnuna. Kull waħda minna u min-Novizzi tagħna, biex ngħixu dawn il-voti rridu nagħmlu għażliet - għażliet li l-għeruq tagħhom jinsabu fir-relazzjoni tagħna ma' Ġesù u fit-twemmin li aħna nvoluti fil-bini tas-Saltna ta' Alla f'dinja tant vjolenti u maqsuma." 

KIF TGĦALLEM LIN-NOVIZZI JITOLBU?

It-talb u l-għaqda ma' Alla, il-poplu Afrikan iħosshom fih, kif iħosshom il-poplu Irlandiż, tgħid Dervilla. Is-sens profond tal-ispiritwal hemm qiegħed, jekk inkunu kapaċi nġibuh fil-wiċċ. Kultant ikun jiddependi mill-ħila li l-persuna tirrifletti. Fil-komunità, il-ħin tat-talb flimkien u l-ħin tat-talb personali huma allokati b'attenzjoni. In-Novizzi huma involuti wkoll fit-tħejjija tal-liturġija matul is-sena. Fil-ħidma li ssir fil-korsijiet, kemm fin-Novizzjat u kemm bejn il-Kongregazzjonijiet, ikollhom ħafna opportunitajiet li jesploraw u jaqsmu flimkien l-iskoperti li għallmu dwarhom il-kittieba spiritwali.

TISTA DIRETTRIĊI TAN-NOVIZZI TGĦID LI HI SODISFATTA BIX-XOGĦOL TAGĦHA?

"Ma jistax ikollok għanijiet li tarahom b'għajnejk bħal f'xogħlijiet oħra," tgħidilna Dervila. "Huwa l-Ispirtu ta' Alla jkollu t-tmexxija f'idejh, u jiena nkun mistiedna naħdem miegħu u li ma noħloqx tfixkil. Inħossni nkun mistiedna biex nirfes fuq l-art qaddisa tan-Novizzi, fejn immiss b'idejja l-misteru t'Alla hu u jikxef lilu nnifsu fl-istorja unika ta' kull persuna. Inħossni privileġġata u mimlija ħajr jien u nakkumpanja n-Novizzji fil-mixja tagħhom ta' fidi, ta' skoperta tagħhom infushom, u tas-siħiħ tal-identità tagħhom fl-MMM. Ta' sodisfazzjon? Żgur. "Hu ta' sodisfazzjon tremend tara dawn it-tfajliet ġenerużi jikbru, jimmaturaw fil-fidi, jagħrfu aħjar lilhom infushom min huma u l-identità tagħhom fl-MMM. Meta narahom jagħżlu li jagħtu lilhom infushom għall-faraġ tal-morda, jew ta' dawk inqas xortihom tajba, dan jagħmilni kuntenta fix-xogħol tiegħi." 

Bernadette ukoll titkellem mis-sens li tħoss li hi miexja fuq art qaddisa u kif dawn il-persuni żagħżugħa qed jiskopru l-identità tagħhom. Ix-xogħol li takkumpanja tfajliet fil-mixja tagħhom ta' fidi jista' xi drabi jkun diffiċli. Jeħodli ħafna sforz u ħsieb, imma fihom hemm ukoll xi ħaġa li timlieni enerġija. Hu ta' sodisfazzjoni li ġġib it-tama lil tfajla li qed tissara biex issib sew min hija. Hu sabiħ li tara Navizza tikber pass pass minn fejn darba bdiet - xi drabi kollha biża' minn dak li għadu moħbi, ansjuża fuq ix-xewqa tagħha li timpenja ruħha, u tgħaddi għal stat ta' libertà, fejn tieħu l-ħajja b'responsabbiltà u ħarsa mimlija tama."

XINHU L-IKBAR RIGAL LI TEĦTIEĠ  GĦALL-ĦIDMA TIEGĦEK?

Is-sabar, u fuq dan jaqblu t-tnejn. Il-biċċa xogħol mhix f'idejk, hu l-Ispirtu li jiggwida, u trid tistenna l-waqt tajjeb tiegħu. Hija sfida kbira li taħdem mal-Ispirtu u li ma tidħolx bejnu u bejn il-persuna, u fl-istess ħin tibqa' sensittiva għaċ-ċaqliq tiegħu f'kull persuna. Trid tkun taf tassew tisma', tagħder, miftuħa għad-differenzi, kulturali jew personali. Bernadette tosserva: "B'xi mod, in-Novizzi huma l-mera tagħna! Huma sejħa għalija għall-azzjoni; għal tiġdid serju u kostanti tal-fidi tiegħi, li jfakkruni fl-implikazzjonijiet tal-ħajja bil-voti. Xħin nara dawn it-tfajliet mimlija ħeġġa u interess fil-ħajja reliġjuża f'dinja li saret tant materjalista u kompetittiva, ifakkruni x'rikkezza ta' valuri u misteru hemm fil-ħajja reliġjuża."

Dervilla tgħid: "Waħda mill-ikbar sfidi f'dan il-ministeru hu l-bdil kontinwu fil-membri tal-komunità. In-Novizzjat jieħu sentejn, żmien li fih il-membri jinbidlu ta' sikwit bil-professjoni ta' wħud minnhom u bit-tluq ta' xi oħrajn. Dan hu għana u barka li l-membri dejjem ġejjin minn tant nazzjonalitajiet u kulturi differenti. Rari jkolli ċ-ċans nerġa' niltaqa' in-Novizzi li darba kelli qabel ma jintbagħtu f'imkejjen tant 'il bogħod. Napprezza ħafna meta nisma' fuq il-missjonijiet tagħhom ġodda fil-Brażil, fin-Niġerja, f'Malawi, fl-Uganda, u kif l-esperjenzi tagħhom ġodda jgħinuhom jidħlu iktar fil-qalba tal-Ħajja tagħna fl-MMM."

Tabernaklu fl-Oratorju tan-Novizzjat tal-MMM, Nairobi. 

 

Search...